Niżguraw li l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja li tixraqilhom

Fost l-ewwel impenji tiegħu bħala Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, il-Ministru Michael Farrugia żar l-uffiċini tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fejn iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv Matthew Vella kif ukoll mal-ħaddiema tal-Awtorità.

Wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Awtorità huwa d-djalogu kontinwu bejn l-entitajiet li jipprovdu servizz ta’ ħarsien soċjali f’Malta u li tirregola lil min jipprovdi dawn is-servizzi biex tiżgura li jiġu implimentati u li jinkisbu l-aħjar servizzi.

Il-Ministru Michael Farrugia faħħar il-kisbiet li saru mill-Awtorità u rringrazzja lill-ħaddiema li minkejja d-diffikultajiet li għaddej minnhom il-pajjiż bħalissa kawża tal-pandemija, xorta baqgħu juru impenn lejn l-irwol tagħhom fuq il-post tax-xogħol. ​

Min-naħa tiegħu, Matthew Vella spjega x-xogħol li jsir minn din l-awtorità biex titjieb il-kwalità tas-servizz li jingħata, partikolarment lill-anzjani li huma residenti fid-djar tal-anzjani, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Il-ministru temm jgħid li wieħed mill-prijoritajiet li se jkun qed jaħdem fuqhom huwa li jiżgura li l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja li tixraqilhom u li jkomplu jitjiebu s-servizzi offruti lilhom mill-gvern.