PR210711: Restawr tal-kumpless Rużar Briffa f’San Vinċenz de Paul—Proġett ta’ €9 miljun b’żieda ta’ sodod u servizzi speċjalizzati

Miexi ġmielu x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett Rużar Briffa fil-Faċilità San Vinċenz de Paul, il-parti magħrufa bħala l-West Wing, li tikkumplimenta l-East Wing li tlestiet madwar tliet snin ilu.

Kumpless mifrux fuq 11,000 metru kwadru ta’ art, din il-fażi tal-proġett, se tara n-numru ta’ sodod jirdoppja, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ servizzi speċjalizzati fil-qasam tal-ġerjatrija, fosthom Ċentru għar-Respite u Occupational Therapy Unit, Unit għat-Trasport, Day Hospital, u binja biex tilqa’ Imaging Unit ġdida flimkien maż-żoni ta’ barra. Fil-proċess se jiġu rrestawrati l-kappella, żewġ sagristiji, Chaplain’s Quarter u l-Portiku.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li dan il-proġett b’investiment ta’ €9 miljun huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena minkejja l-isfidi kollha esperjenzati, primarjament dawk relatati mal-pandemija tal-COVID-19.

“L-għan tat-tiġdid huwa għal titjib fl-ambjent, biex jiżdiedu l-ispazji u l-ammont ta’ sodod, kif ukoll għal użu aħjar tal-binja b’ambjent li jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tal-residenti llum il-ġurnata. Permezz tal-introduzzjoni ta’ servizzi speċjalizzati, San Vinċenz de Paul se jipprogressa minn ċentru ta’ residenza għal ċentru ta’ eċċellenza”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u alterazzjonijiet jinsabu avvanzati sew u bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ finishing u mmodernizzar tas-sistemi elettriċi u mekkaniċi. Barra tal-binja sar restawr professjonali billi l-binja hija waħda skedata u għaddejjin xogħlijiet ta’ landscaping u pavimentar u l-bini tal-ġnien fuq wara. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-Occupational Therapy Department li jinsab fil-pjan terran.

Qabel ma nbeda dan il-proġett, dan il-bini kien ikkaratterizzat minn problemi sanitarji, nuqqas ta’ aċċessibilità u strutturi perikolużi.

Bit-tlestija tat-tieni fażi tal-proġett, il-binja Rużar Briffa se jkollha 265 sodda, li tfisser żieda ta’ 115-il sodda.