PR210675: Protokolli ġodda għad-djar tal-anzjani minn nhar it-Tnejn

Wara li jumejn ilu tħabbar li d-Djar tal-Anzjani se jerġgħu jibdew jinfetħu għall-viżitaturi, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li l-ministeru, flimkien mal-Awtorità tal-Istandards, l-amministrazzjoni tal-faċilità ta’ San Vinċenz de Paul u d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva ħejjew pjan ta’ miżuri li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.

Filwaqt li ħabbar kif se jiġu implimentati, kemm fid-djar tal-anzjani kif ukoll fil-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul, il-Ministru Michael Farrugia appella għall-kawtela u appella lill-qraba biex josservaw ir-regolamenti ħalli eventwalment pajjiżna jkun jista’ jmur lura għan-normalità.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-protokolli jgħoddu għal dawk id-djar tal-anzjani li 90 fil-mija tar-residenti tagħhom diġà ħadu t-tieni tilqima u għaddew 15-il jum. Jekk hemm xi djar li ma laħqux dawn il-protokolli, is-sistema se tibqa’ kif kienet.

Ir-residenti jistgħu jibdew joħorġu fil-ġonna u l-btieħi, jistgħu jużaw iż-żoni komuni u jieklu fil-kamra tal-ikel, jistgħu jsirulhom attivitajiet mill-istaff, u attivitajiet oħrajn reliġjużi, soċjali, kulturali, edukattivi u ta’ rikreazzjoni. Dan abbażi li jiġu osservati l-protokolli, fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali.

Żjara tista’ ssir minn massimu ta’ żewġ persuni mill-istess ‘household’. Dan isir b’appuntament u ż-żjara ddum sa massimu ta’ 25 minuta, biex il-post jilħaq ikun sanitizzat.
Se jkun qed jitneħħa l-perspex u mhux se jitħallew persuni minn ‘households’ differenti jidħlu fl-istess ħin. Kull resident se jkollu żjara waħda fil-ġimgħa.

Għalissa dawn iż-żjarat se jkunu qed isiru f’post apposta u qabel jidħlu, il-qraba jgħaddu mill-kontroll tad-dħul, jilbsu l-maskra u jżommu d-distanza ta’ żewġ metri bejnhom u bejn il-qraba. Barra minn hekk, jekk isiru testijiet u jinstab li hemm xi anzjan/a li tkun pożittiv/a jinħarġu mid-dar u jitpoġġew f’dar oħra sakemm isirilhom it-test mill-ġdid u jirriżulta fin-negattiv.

F’San Vinċenz de Paul, fejn tlaqqmu 97 fil-mija tal-anzjani bit-tieni doża u għaddew 15-il ġurnata, filwaqt li se jibqgħu għaddejjin iż-żjarat lir-residenti minn wara l-perspex, se jiġu introdotti żjarat fis-swali fejn japplikaw l-istess protokolli, jiġifieri jistgħu jkunu sa massimu ta’ żewġ viżitaturi li jgħixu fl-istess ‘household’ waqt iż-żjara, mingħajr il-perspex.

Il-ministru qal li se jkun qed isir l-assessjar meħtieġ biex jiġi assigurat li dawn ir-regoli jiġu osservati u appella lill-qraba biex jobduhom. Huwa qal li min jinstab li mhux qed josserva r-regoli, ma jitħalliex ikompli biż-żjara.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella, li qal li dawn il-protokolli saru grazzi għal koperazzjoni mal-awtoritajiet saħħa pubblika biex jiġi assigurat li jiġu implimentati skont ir-riżultati xjentifiċi u l-pariri mediċi.