PR211259: Titħabbar ir-rilaxx ta' aktar restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani u fil-faċilità San Vinċenz de Paul

Illum tħabbar ir-rilaxx ta’ aktar restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani u fil-faċilità San Vinċenz de Paul. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Awtorità tal-Istandards dwar il-Ħarsien Soċjali, li minn April li għadda beda jopera bħala ċentru tal-vaċċinazzjoni tal-Covid-19, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li dan ir-rilaxx se jidħol fis-seħħ f’żewġ fażijiet li se jwasslu biex mid-19 ta’ Lulju, l-anzjani se jkunu jistgħu joħorġu waħidhom mid-dar tal-anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia elenka l-bidliet ewlenin filwaqt li tenna l-appell tiegħu biex min għadu ma tlaqqamx jieħu l-pass għaqli u jitlaqqam mill-iżjed fis possibbli.

Mit-3 ta’ Lulju:

  • Se jkun hemm żjarat ta’ siegħa lill-anzjani filgħodu
  • Se jkun hemm żjarat ta’ siegħa u nofs waranofsinhar
  • L-anzjan jista’ jkollu sa żewġ viżitaturi fil-kamra dment li kemm il-viżitaturi u kemm l-anzjan ikunu mlaqqmin
  • L-ilbies tal-maskra jibqa’ mandatorju
  • Ebda bdil fir-restrizzjonijiet fost persuni li ma jkunux imlaqqmin

Mid-19 ta’ Lulju:

  • L-anzjani jistgħu joħorġu waħidhom mid-dar tal-anzjani
  • Jinfetħu mill-ġdid in-night shelters
  • Jitneħħew ir-restrizzjonijiet fin-numru ta’ anzjani li jistgħu jattendu day centres
  • L-ilbies tal-maskra jibqa’ mandatorju

Il-Ministru Michael Farrugia qal li mis-6 ta’ April sal-aħħar ta’ Ġunju b’kollox ingħataw 26,255 vaċċin. Qal li mill-vaċċin Pfizer ingħataw 13,071 tilqima fl-ewwel doża u 12,689 tilqima fit-tieni doża, total ta’ 25,760 tilqima filwaqt li mill-vaċċin Astrazeneca ngħataw 253 tilqima fl-ewwel doża u 242 tilqima fit-tieni doża, total ta’ 495 tilqima.

Huwa ħabbar li l-Awtorità se jkollha kap eżekuttiv ġdid, Dr Angele Ellul Fenech, u awguralha għall-ħidma l-ġdida tagħha f’dan is-settur.

Il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema tal-SCSA u lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li ħadu sehem f’dan il-proċess.​