PR211159: Tinfetaħ l-ewwel klinika multi-dixxiplinarja

Aktar minn 400 anzjan se jgawdu mis-servizzi li se tkun qed toffri l-ewwel klinika multi-dixxiplinarja, li se tkun qiegħda toffri ambjent sigur u privat. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia meta aktar kmieni llum inawgura l-ewwel klinika tax-xorta tagħha f’Malta fl-Imtarfa, bħala parti mill-kampanja ‘Gvern għan-nies’.

Huwa qal li d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkun qed jifrex ukoll dan is-servizz billi jiftaħ kliniċi multi-dixxiplinarji oħra f’kull dar tal-anzjani tal-gvern.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-ewwel klinika, il-Ministru Farrugia qal li dan is-servizz se joffri kura komprensiva lil 413-il anzjan u s-servizz se jkun użat ukoll minn diversi professjonisti fis-settur tas-saħħa fosthom fiżjoterapisti, occupational therapists, speech language pathologists, podoloġisti, psikoterapisti, tobba u ġerjatriċi.

Huwa żied jgħid li d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità investa fl-immodernizzar tal-klinika u xtara tagħmir li jintuża minn professjonisti differenti u li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum. Fil-fatt, l-klinika hija mgħammra b’dak kollu li l-anzjan jeħtieġ, fosthom bladder scanner u portable magnifying lens.

Il-Ministru Farrugia spjega li l-bżonn ta’ kliniċi ta’ dan it-tip inħass l-iktar matul il-pandemija. Qabel l-introduzzjoni ta’ dawn il-kliniċi, is-servizz kien provdut fil-kamra tal-anzjan, li ħafna drabi tkun maqsuma ma’ residenti oħrajn u għalhekk l-ambjent ma kienx joffri l-privatezza meħtieġa. 

“Il-kliniċi l-ġodda se jipprovdu spazju fejn l-anzjan jista’ jieħu t-trattament u jitkellem b’mod privat mal-professjonisti u jkunu jistgħu jirċievu t-trattament bl-apparat li qegħdin jiġu mgħammra bihom. Il-kliniċi jistgħu jiffaċilitaw ukoll kollaborazzjoni konġunta bejn il-professjonisti tas-saħħa biex isiru sessjonijiet konġunti mar-residenti kif ukoll post privat għal-laqgħat għat-tim multidixxiplinarju.”

Waqt l-inawgurazzjoni tal-klinika, il-ministru tkellem ukoll dwar proġetti oħrajn li saru fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa, li jinkludu l-ftuħ ta’ librerija. Ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u ngħataw madwar 200 ktieb fuq diversi suġġetti bħala donazzjoni minn Malta Libraries. Il-ministru qal kif ġie nnotat li s-self tal-kotba żdied ħafna matul din l-aħħar sena. Qal ukoll li Malta Libraries tagħmel ukoll sessjonijiet ta’ qari għar-residenti u dawn huma mfittxija ħafna. Dawn is-sessjonijiet komplew ukoll virtwalment waqt il-pandemija.    

Saru wkoll proġetti oħra fid-Dar tal-Imtarfa, li kienu ilhom mistennija snin, bħall-investiment ta’ €55,000 biex ġie installat lift ġdid u €60,000 biex saru chillers ġodda. 

Il-ministru temm jgħid li dan l-investiment iffaċilita s-servizz li jingħata lir-residenti u dan irriżulta fi tnaqqis fl-ispejjeż relatati mal-operat u l-manutenzjoni li kienet issir peress li llum dan it-tagħmir huwa ta’ kwalità, effiċjenti u sostenibbli. ​