PR211100: Is-servizz ta’ psikoterapija għall-anzjani estiż bi tliet kliniċi ġodda fil-komunità

Is-servizz ta’ psikoterapija, li sal-lum kien offrut lill-anzjani li jgħixu fi djar residenzjali, se jiġi estiż għall-anzjani fil-komunità u l-‘informal carers’ tagħhom bil-ftuħ ta’ tliet kliniċi ġodda fil-lokalitajiet taż-Żurrieq, Birkirkara u l-Imtarfa.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellem dwar kif il-pandemija laqtet lill-anzjani. “Wara li rajna li kien hemm żieda fin-numru ta’ anzjani li għaddew minn diffikultajiet, inħasset il-ħtieġa li s-servizz ta’ psikoterapija jinfirex ukoll fil-komunità biex jilħaq lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fid-dar privata tagħhom”, qal il-Ministru Farrugia.

Bil-ftuħ ta’ dawn il-kliniċi, anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità, se jkunu jistgħu jattendu sessjonijiet ta’ psikoterapija, grazzi għal dan is-servizz b’xejn li qed jiġi offrut mid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Il-Ministru Farrugia spjega li għalkemm il-kliniċi jinsabu f’dawn it-tliet lokalitajiet, l-anzjani kollha f’Malta se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz, fl-eqreb klinika ta’ fejn joqgħodu. Il-psikoterapisti se jaħdmu bl-għan li residenti fi djar tal-anzjani, kif ukoll dawk li jgħixu fil-komunità, ikunu jistgħu jibbenefikaw kemm minn sessjonijiet individwali, kif ukoll minn sessjonijiet fi gruppi, skont il-ħtieġa.

Għalkemm is-servizz ta’ psikoterapija huwa primarjament immirat għall-anzjani li jgħixu fir-residenzi tal-anzjani u għal dawk li jgħixu fid-dar privata tagħhom, is-servizz fil-komunità se jkun miftuħ ukoll għall-qraba tal-anzjani. Dan it-tip ta’ servizz huwa importanti għax permezz tiegħu, tkun qed tingħata wkoll għajnuna lill-qraba fid-diffikultajiet psikoloġiċi li jistgħu jiffaċċjaw.

Il-Ministru Farrugia spjega li l-għan tal-psikoterapija huwa li tgħin lin-nies li għandhom diffikultajiet fuq livell ta’ mġiba u emozzjonijiet. Permezz tal-psikoterapija, il-persuna tista’ tidentifika u tbiddel dawn l-emozzjonijiet, ħsibijiet, u mġiba bil-għan li tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Wieħed jista’ japplika għal dan is-servizz billi jimla applikazzjoni għas-servizzi tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u jiġi mmarkat is-servizz tal-psikoterapija. Din l-applikazzjoni tinsab fuq is-sit elettroniku activeageing.gov.mt, minn Ċentru Servizz Anzjan il-Belt, kif ukoll fil-kunsilli lokali.