PR211024: Iħabbar ir-raba’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar ir-raba’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani, maqsum f’fażijiet differenti li se jwasslu biex mill-14 ta’ Ġunju, residenti fid-djar tal-anzjani jkunu jistgħu jmorru għand qrabathom taħt ċerti kundizzjonijiet. 
 
Għal darb’oħra, il-Ministru Michael Farrugia enfasizza biex iktar persuni, b’mod speċjali l-qraba tar-residenti, jitlaqqmu. “Dan sabiex inkunu nistgħu nersqu aktar lejn in-normalità,” żied jgħid.
 
Mill-4 ta’ Ġunju
 
• Żjarat fi djar tal-anzjani se jsiru bejn l-10:30 a.m. u l-11:30 a.m. u bejn il-5:00 p.m. u s-6:30 p.m.
• Kull resident jista’ jżuru viżitatur wieħed kull darba.
• It-tul ta’ kull żjara se jkun ta’ 25 minuta.
• Huma biss il-viżitaturi li tlaqqmu kompletament li jistgħu jidħlu fil-kmamar tar-residenti.
• Tinżamm distanza soċjali u tintlibes il-maskra.
• Min mhux imlaqqam jibqa’ jiltaqa’ fiż-żona komuni kif sar sa issa.
• Iż-żjarat kollha f’San Vinċenz de Paul jibqgħu jsiru bis-sistema ta’ appuntament.
 
Residenti li jattendu appuntamenti outpatient
 
• Residenti mlaqqmin u li għandhom bżonn jattendu għal appuntament ta’ outpatient fl-isptar, jiġu ssorveljati għal xi sintomi possibbli relatati mal-Covid-19 mar-ritorn tagħhom fid-dar.
• Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.
 
Residenti li jirritornaw f’dar tal-anzjani mill-isptar 
 
• Residenti mlaqqmin isirilhom PCR swab test mar-ritorn tagħhom fid-dar.
• Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.
 
Residenti ġodda fi djar għall-anzjani
 
• Residenti ġodda li jiddaħħlu fid-djar tal-anzjani mill-komunità u jkunu mlaqqmin, isirilhom PCR swab test.
• Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 14-il jum kwarantina u jiġu mlaqqmin.
 
Mit-8 ta’ Ġunju:
 
Iċ-ċentri ta’ matul il-jum se jibdew jilqgħu 8 anzjani u 3 membri tal-istaff.
 
Mill-14 ta’ Ġunju:
 
• Residenti minn djar tal-anzjani li huma mlaqqmin jitħallew joħorġu ma’ qraba li jkunu mlaqqmin u jiġu ssorveljati għal xi sintomi relatati mal-Covid-19 mar-ritorn tagħhom.
• Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.
 
Attendenza għal appuntamenti mediċi
 
Ir-residenti jistgħu jattendu appuntamenti mediċi barra mid-dar tal-anzjani akkumpanjati minn qraba li jkunu mlaqqmin.