PR211015: Proġett pilota li fih l-anzjani se jagħtu sehem ħaj fil-komunitajiet

Għall-ewwel darba, permezz ta’ proġett pilota, l-anzjani se jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-komunità li jgħixu fiha filwaqt li jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità. Dan hekk kif se tiġi ppubblikata Espressjoni ta’ Interess biex anzjani juru l-interess tagħhom fi proġett pilota li l-għan tiegħu huwa li jippromwovi attivitajiet interġenerazzjonali bejn it-tfal u l-anzjani.

Ewlenin fost dawn l-attivitajiet hemm li matul il-ħinijiet ta’ filgħodu u waranofsinhar, hekk kif it-tfal ikunu deħlin u ħerġin mill-iskola, l-anzjani jingħaqdu mal-Uffiċjali tal-Pulizija u tal-LESA u jassistu lit-tfal, kunċett li qed jissejjaħ ‘School Grannies’.

Dan tħabbar hekk kif id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, l-AACC, iffirma Memorandum of Understanding mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla fejn se jiġi introdott dan il-proġett, liema ffirmar attenda għalih il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia. Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru Farrugia ħabbar li eventwalment il-proġett se jkun qed jinfirex fl-iskejjel primarji u dawk medji.

Il-Ministru Farrugia saħaq li bosta anzjani jsibu diffikultà jaġġustaw ħajjithom wara li jkunu rtiraw, tant li jkunu jixtiequ jkomplu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet fil-komunità fejn jgħixu. “Għaldaqstant, dan il-proġett se jservi kemm biex inkomplu nagħtu sens fil-ħajja tal-anzjani tagħna filwaqt li fl-istess ħin inkomplu nippromwovu l-ħidma interġenerazzjonali billi noffrulhom opportunitajiet bħal din tal-lum,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Matul il-proġett pilota se tkun qed tingħata attenzjoni biex jiġu osservati l-linji gwida tal-iskola waqt li l-anzjani jkunu qed iqassmu xi affarijiet lill-istudenti, fosthom kotba u oġġetti magħmulin bl-idejn. Huwa maħsub li f’dan il-ħin ikun hemm minn tnejn sa tliet anzjani għal kull skola.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li se jkun qed jiġi offrut taħriġ biex is-sigurtà tal-anzjani u tal-istudenti tkun assigurata f’kull ħin. It-taħriġ jinkludi informazzjoni dwar kif ikun iggwidat it-traffiku u dwar kif wieħed għandu jġib ruħu f’każ ta’ abbuż verbali.

Permezz tal-Espressjoni ta’ Interess, li se tkun qed toħroġ mid-Dipartiment b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, l-anzjani se jkunu qed jiġu ngaġġati għal siegħa filgħodu u siegħa wara nofsinhar fil-ġranet tal-iskola. B’hekk, l-anzjani mhux biss se jibqgħu attivi, iżda se jkollhom sors ta’ dħul.

Is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli qalet li; “Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla qed iħares lejn dan il-proġett b’entużjażmu u b’mod pożittiv, hekk kif Bormla għandha popolazzjoni li qed tikber fl-età u għandna numru kbir ta’ skejjel fil-lokalità, ħamsa b’kollox.” Qalet li għalhekk huwa ta’ unur għaliha li Bormla kienet il-belt li se tibda b’dan il-proġett pilota. “L-anzjani f’Bormla li minn dejjem urew interess biex jagħtu sehemhom b’mod ħaj fil-komunità, kif ukoll l-istudenti li ta’ kuljum jgħixu fil-lokalità, se jkunu qegħdin jirrelataw flimkien, jitgħallmu mingħand xulxin, u jibdew il-ġurnata tagħhom b’mod tajjeb u differenti,” temmet tgħid.

Kunsilli lokali li jixtiequ jibdew din l-inizjattiva fil-lokal tagħhom huma mħeġġa jikkomunikaw mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li se jkun qed jiffinanzja dan il-proġett.​