PR210981: Ċentru ġdid għall-anzjanità attiva f’Marsaskala

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawgura ċentru għall-anzjanità attiva f’Marsaskala li jagħmel parti mill-binja tar-residenza għall-anzjani, St Thomas Community Living. Matul l-inawgurazzjoni ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu, it-tmexxija ta’ din id-dar għaddiet bla ħlas l-użu u s-servizzi tas-sala fil-binja. Dan filwaqt li r-riżorsa umana tiġi pprovduta mid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li dan id-dipartiment qed jaħdem biex jitjiebu l-opportunitajiet għal aktar parteċipazzjoni soċjali u aktar tagħlim tul il-ħajja għall-anzjani. Fil-fatt, id-Dipartiment kontinwament ifittex u jaħdem ma’ entitajiet differenti biex jitwaqqfu ċentri għall-anzjanità attiva fil-qalba tal-komunità.

“L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni ma’ bosta entitajiet, biex tipprovdi varjetà ta’ proġetti, taħdidiet informattivi u attivitajiet għal persuni anzjani, iżda fuq kollox tinkoraġġixxi parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini anzjani biex jużaw il-ħiliet u l-għarfien tagħhom u jaqsmuhom ma’ ġenerazzjonijiet oħra,” spjega l-Ministru Farrugia.

Għal dan l-għan, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li se jibdew attivitajiet interġenerazzjonali bejn anzjani u tfal u adoloxxenti minn Ottubru li ġej.

Il-Ministru Michael Farrugia temm jirringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani kif ukoll lir-residenti, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar erbatax-il xahar li kienu ta’ sfida għal kulħadd.