PR210978: Sal-lejla pajjiżna jilħaq il-‘herd immunity’

Minn Lulju persuna mlaqqma kompletament tista’ toħroġ bla maskra f’postijiet miftuħa

Sal-lejla, 70% tal-adulti Maltin u Għawdxin se jkunu ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19. Dan saħqu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li tulha tħabbar li pajjiżna huwa l-ewwel pajjiż Ewropew li wasal għall-‘herd immunity’.

“Għalkemm il-virus għadu magħna, it-trasmissjoni minn persuna għall-oħra naqset b’mod drastiku, madanakollu l-virus għadu attiv madwar id-dinja u għalhekk f’Malta rridu nibqgħu attenti”, qal id-Deputat Prim Ministru, filwaqt li fakkar kif hija biss 10% tal-popolazzjoni dinjija li hija mlaqqma kontra l-COVID-19. Huwa saħaq li wara iktar minn 475, 000 doża, kważi 42% tal-pubbliku Malti huwa mlaqqam kompletament u li dan wassal għal tnaqqis ta’ 95% tal-pazjenti rikoverati bil-COVID-19 fl-Isptar Mater Dei.

Spjega wkoll li għaddejjin numru ta’ taħditiet ma’ stakeholders li ġejjin mill-qasam soċjali u kulturali sabiex ikun imfassal pjan gradwali u sikur tar-rilaxx ta’ iżjed miżuri minn Lulju li ġej. “Iċ-ċavetta ta’ kollox hija r-rata tat-tilqim u iktar ma jitlaqqmu nies iktar inkunu f’pożizzjoni li nirrilaxxaw il-miżuri malajr”, qal id-Deputat Prim Ministru. Dan filwaqt li fakkar li hu kruċjali li nibqgħu nirreġistraw numri baxxi ta’ każijiet tal-COVID-19 sabiex pajjiżna jinżamm fil-lista l-ħadra ta’ pajjiżi oħra, hekk kif is-settur turistiku f’pajjiżna jiġġenera iżjed minn 70,000 impjieg

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li jekk in-numri ta’ każijiet jibqgħu baxxi, mill-1 ta’ Lulju, persuna imlaqqma b’żewġ dożi tista’ toqgħod bla maskra f’postijiet miftuħa. L-użu tal-maskra se jitqies obbligatorju f’postijiet magħluqa u meta jinġemgħu gruppi ta’ iktar minn żewġ persuni fil-pubbliku. “Dan huwa eżempju ta’ kif poplu mlaqqam jista’ jerġa’ jimxi lura lejn in-normalita”, kompla d-Deputat Prim Minsitru, filwaqt li ħeġġeġ biex kull min għadu ma tlaqqamx jirreġistra għall-vaċċin fuq vaċċin.gov.mt. Huwa esprima s-sodisfazzjon li fi żmien ġimgħa minn mindu infetħet il-vaċċinazzjoni għall-persuni li għandhom inqas minn 30 sena, hemm 52% ta’ dan il-grupp li tlaqqam jew li applika għall-vaċċin.

Min-naħa tagħha, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat elenku tar-restrizzjonijiet li ġew rilaxxati u tal-protokolli marbuta ma’ kull attivita. Il-protokolli jinsabu fuq https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/covid-19/Pages/mitigation-conditions-and-guidances.aspx.