PR210931: Ix-xogħol fl-Imtarfa fuq iċ-ċentru għal persuni bid-dimensja fi stadju avvanzat

Ix-xogħol fuq iċ-ċentru ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl, li jinsab fl-Imtarfa, għal persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja u jgħixu fil-komunità jinsab fi stadju avvanzat.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żar dawn ix-xogħlijiet fid-dar tal-anzjani, li qed isiru b’investiment ta’ madwar €70,000.

Dan huwa proġett li beda fi Frar li għadda u mistenni li jitlesta fi żmien seba’ xhur. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li dan iċ-ċentru, li huwa mibni fuq 500 metru kwadru ta’ art, se jkollu diversi faċilitajiet, fosthom Dementia Garden. Huwa spjega li dan iċ-ċentru fl-Imtarfa u ieħor f’Ħal Safi se jkunu l-ewwel ċentri f’pajjiżna li joffru servizz ta’ respite għall-qraba ta’ persuni bid-dimensja, kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl.

Il-Ministru Michael Farrugia fakkar fid-diversi inizjattivi u proġetti li se jkunu saru matul din is-sena indirizzati għall-persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom.

Huwa spjega li l-persuni se jkollhom programm mimli attivitajiet li se jiġi implimentat minn carers professjonali mħarrġa fil-kura tad-dimensja. Se jkun hemm programmi ta’ attivitajiet differenti, skont il-pjan ta’ kura individwali ta’ kull applikant. 

Iċ-ċentru se jkollu ambjent li jixbaħ dak ta’ dar, biex kemm jista’ jkun il-persuni li jattendu jħossuhom f’ambjent familjari u sigur. Dan iċ-ċentru se jibbenefikaw minnu madwar 50 persuna.

Iċ-ċentru se jkun qed jinfetaħ matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl. Bil-lejl, iċ-ċentru se jkun qed joffri servizz ta’ night shelter għal persuni bid-dimensja li għandhom diffikultà biex jorqdu matul il-lejl.

Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed ukoll jagħmel diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa biex tinħoloq iktar kuxjenza dwar il-kundizzjoni tad-dimensja fil-lokalità. Dawn id-diskussjonijiet se jwasslu biex jiġu organizzati numru ta’ taħdidiet għall-komunità tal-Imtarfa, bl-għan ewlieni jkun biex il-lokalità issir aktar ‘dementia-friendly community’.