PR210884: Żjarat fid-djar tal-anzjani se jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa

Min-nhar it-Tnejn li ġej, se tkun qed tiddaħħal it-tielet fażi ta’ rilaxx mir-restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani. 
 
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega li wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, l-Awtorità għall-Istandards għall-Ħarsien Soċjali se timxi lejn it-tielet fażi ta’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet waqt żjarat minn persuni lil qrabathom fid-djar kollha tal-anzjani u fir-Residenza San Vinċenz de Paul. 
 
Il-Ministru Michael Farrugia fakkar li fl-aħħar ta’ April tħabbret it-tieni fażi ta’ żjarat mingħajr perspex. “L-ewwel u t-tieni rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani kienu inkoraġġanti u għalhekk, mit-Tnejn 17 ta’ Mejju 2021, se tkun introdotta t-tielet fażi. Ir-restrizzjonijiet se jitnaqqsu b’kawtela biex kull darba jkun evalwat l-impatt qabel jittieħed pass ieħor”, qal il-Ministru Farrugia.
 
Għaldaqstant, mit-Tnejn 17 ta’ Mejju 2021, se jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri:
 
• Iż-żjarat ta’ 25 minuta ’l waħda se jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa. Żewġ qraba mill-istess dar jistgħu jżuru resident fid-dar tal-anzjani. B’hekk sa sitt persuni jkunu jistgħu jagħmlu appuntament.
 
• Residenti li għandhom id-dimensja jista’ jibqa’ jkollhom żjara ta’ 15-il minuta kuljum. Kull darba jistgħu jżuruhom sa żewġ persuni mill-istess dar. 
 
• L-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza u miżuri oħrajn iridu jibqgħu jkunu osservati. 
 
• Dan se jkun jgħodd ukoll għar-Residenza San Vinċenz de Paul.
 
Il-Ministru Michael Farrugia ħeġġeġ biex aktar membri tal-pubbliku jibqgħu jirreġistraw u jattendu għall-appuntamenti tagħhom biex jirċievu l-vaċċin. “B’dan il-mod, inkunu nistgħu nkomplu niftħu aktar żjarat fid-djar kollha tal-anzjani u fir-Residenza San Vinċenz de Paul,” żied jgħid.
 
Huwa ħabbar ukoll li mit-Tnejn 24 ta’ Mejju 2021, se jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri:
 
• Iċ-ċentri ta’ matul il-jum ser jerġgħu jinfetħu b’numru ta’ miżuri, fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali. Kull ċentru ta’ kuljum ser jkun qed jilqa’ fih anzjani u żewġ membri tal-istaff biex tinżamm id-distanza soċjali. In-numru ta’ anzjani se jkompli jiżdied wara diskussjoni u konsultazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. 
 
• Djar residenzjali tal-anzjani u r-Residenza San Vincenz de Paul se jibdew jorganizzaw ħarġiet għar-residenti rispettivi tagħhom filwaqt li jirrispettaw is-sistema tal-bubble tal-istess dar.