PR210862: Imnedija konsultazzjoni pubblika għal titjib fid-djar tal-anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika bil-għan li jkun hemm titjib fis-servizzi fid-djar tal-anzjani li jospitaw persuni bid-dimensja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Farrugia qal li r-rata ta’ persuni bid-dimensja qed tiżdied. “Għaldaqstant qed naraw kif din il-kundizzjoni tkompli tingħata prijorità u titpoġġa fuq quddiem tal-aġenda tagħna. Nifhmu kemm hi kundizzjoni sensittiva u għalhekk irridu nifhmu wkoll x’inhuma l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni u ta’ qrabathom,” qal il-ministru.

Żied jgħid li huwa importanti għalhekk li naraw li noffrulhom l-aħjar ambjent fejn jingħataw il-kura u anke l-aħjar ambjent fejn jistgħu jgħixu b’dinjità. “F’dan il-proċess kollu, irridu npoġġu fiċ-ċentru lil dawn il-persuni u lill-qraba tagħhom”.

Biex ikun jista’ jsir dan, se jsir studju dwar il-persuna b’mod ħolistiku, biex ikun stabbilit il-mod kif kienet tgħix il-persuna u xi drawwiet kellha. Imbagħad fid-dar residenzjali li tkun fiha, il-persuna tkompli tgħix fl-istess ambjent biex ikun evalwat il-mod kif l-aħjar issir it-tranżizzjoni tal-persuna.

F’dan kollu għandu jsir pjan ta’ kura personalizzata li jinkludi fost l-oħrajn attivitajiet li huma suġġeriti li jsiru minn persuni li jgħixu bid-dimensja. Dan il-pjan għandu jibqa’ jiġi mġedded skont il-mod kif tkun qed tevolvi saħħet il-persuna u dan billi jkunu involuti l-persuni nnifishom u qrabathom fil-proċess kollu u b’mod kontinwu.

Il-ministru spjega li apparti l-ambjent, importanti li din il-persuna tingħata wkoll il-kura medika kollha li jkollha bżonn filwaqt li tiġi protetta u ssalvagwardjata saħħitha.

“Għalhekk hu importanti li nagħmlu enfasi fuq il-bżonn li l-ħaddiema li jaħdmu ma’ dawn il-persuni bid-dimensja jingħataw it-taħriġ adekwat ħalli jkunu jistgħu jagħtu l-ogħla livell ta’ kura lil dawn il-persuni. Għaldaqstant, inħeġġu lill-partijiet kollha konċernati biex jgħaddu l-ħsibijiet tagħhom dwar dawn l-istandards ħalli minnhom noħorġu l-aqwa għodda u gwida ħalli nipprovdu l-aqwa servizz ta’ kwalità lill-persuni bid-dimensja,” temm jgħid il-ministru.

Il-konsultazzjoni pubblika se ddum sitt ġimgħat u wieħed jista’ jaċċessa l-istandards proposti fuq regulations.scsa@gov.mt. Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Matthew Vella kif ukoll mid-Direttur Letizia Buttigieg.