PR210861: Inawgurata Dar l-Annunzjata f’Ħal Tarxien – investiment ta’ 13-il miljun

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawgura Dar l-Annunzjata, dar residenzjali għall-kura fit-tul f’Ħal Tarxien, li se takkomoda b’kollox 230 sodda mifruxin fuq seba’ sulari.

Is-settur privat għamel investiment ta’ €13-il miljun. Filwaqt li bħalissa hemm 45 impjegat, hu mistenni li jinħolqu b’kollox 100 impjieg ġdid, bil-gvern qed jinvesti fix-xiri ta’ numru ta’ sodod f’din id-dar.

“Minkejja s-sitwazzjoni bla preċedent li ġiet fuq id-dinja kollha minħabba l-pandemija, illum qed naraw eżempju ta’ kemm l-investitur ma qatax qalbu iżda kompla juri fiduċja fil-futur ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Huwa żied jgħid li f’kull ftehim ġdid li qed jidħol għalih il-gvern mal-operaturi tad-djar għall-anzjani, qed jara li jkun hemm tabib responsabbli mir-residenti f’dik id-dar. Din il-kundizzjoni hija mistennija li tiddaħħal fil-konsultazzjoni pubblika dwar standards fid-djar tal-anzjani li mistennija toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Bix-xiri ta’ sodod fiż-żewġt idjar għall-anzjani li nfetħu dan l-aħħar, twettqet wegħda oħra li saret fil-baġit għal din is-sena. Fit-tmien sular tad-dar, hemm roof garden li jista’ jitgawda kemm mill-anzjani kif ukoll mill-qraba tagħhom, waqt li taħt il-livell tal-art, hemm erba’ sulari parkeġġ għall-istaff u għall-viżitaturi. Hemm ukoll livell mgħammar b’faċilità ta’ kura terapewtika. Il-binja u l-faċilitajiet huma dementia-friendly.

“L-intenzjoni tal-gvern hi li nkomplu nassiguraw li d-djar tal-anzjani jipprovdu faċilitajiet tal-ogħla kwalità, bil-faċilitajiet u bil-kura kollha neċessarji. Naħdmu flimkien għal għan wieħed, biex ikollna livell ta’ eċċellenza fil-kwalità ta’ ħajja tal-anzjani tagħna,” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.