PR210761: Investiment ta’ miljun ewro f’uffiċini ġodda f’San Vinċenz de Paul

B’investiment ta’ kważi miljun ewro, f’San Vinċenz de Paul ġie inawgurat kumpless ta’ uffiċini ġodda minn fejn se jkun qed isir ix-xogħol amministrattiv.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-uffiċini amministrattivi jinsabu f’binja ġdida li hija mifruxa fuq 2,000 metru kwadru. Huwa spjega li dawn jinkludu 60 working station għall-amministrazzjoni tal-inġiniera, ir-riżorsi umani, quality assurance, catering u provisions unit, kif ukoll is-sezzjoni tal-ħaddiema soċjali. Apparti minn hekk, hemm numru ta’ board rooms, sezzjoni għall-arkivji u pantry. Kull parti hija aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

“Se nkunu qed niċċentralizzaw l-uffiċini biex intejbu l-integrazzjoni ta’ servizzi li noffru lill-anzjani. Ġie inkorporat ukoll proġett ieħor ta’ ‘electrical room’ ġdida li tkopri mhux biss l-uffiċini l-ġodda iżda wkoll il-kumpless Rużar Briffa meta jkun lest, spiżerija ġdida u stores farmaċewtiċi,” qal il-Ministru Farrugia.

Huwa żied jgħid li qed isiru diversi investimenti biex kemm jista’ jkun l-anzjani jkollhom l-aqwa kura possibbli, igawdu minn servizzi ġodda u speċjalizzati u biex jintlaħaq livell ta’ eċċellenza.

Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha għall-impenn tagħhom tul il-perjodu tal-pandemija biex jassiguraw li dan il-kumpless jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu, hekk kif il-maġġor parti ta-xogħol sar minnhom stess, kif ukoll lill-ħaddiema li f’perjodu ta’ sitt ġimgħat laqqmu lill-anzjani kollha tad-Djar u lill-anzjani ta’ San Vinċenz de Paul biex illum iktar minn 97 fil-mija tar-residenti huma mlaqqmin kontra l-Covid-19.

Il-Ministru Michael Farrugia sostna li filwaqt li sas-sena d-dieħla s-swali kollha se jkunu mmodernizzati, se jkun impenjat li l-uffiċini kollha tal-ħaddiema jkunu modernizzati u attrezzati għall-bżonnijiet tal-lum. Dan bħala rikonoxximent tal-ħidma tagħhom lejn ir-residenti fir-residenza San Vinċenz de Paul.

Il-Kap Eżekuttiv Dr Josianne Cutajar qalet li fl-aħħar snin saru avvanzi sostanzjali biex illum hemm madwar 1,300 anzjan, 2,200 ħaddiem b’operat ta’ baġit li jlaħħaq madwar mitt miljun ewro. Hija qalet li huwa ferm importanti li l-ħaddiema responsabbli tal-amministrazzjoni jkollhom faċilità mgħammra bl-aħjar teknoloġija u ambjent san.