PR210527: Nippromwovu l-awtonomija u l-inklużjoni permezz tas-servizzi li noffru

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia tenna l-importanza għaċ-ċittadini anzjani li jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.

“Huwa għalhekk importanti li bħala Gvern inkomplu naħdmu biex noffrulhom l-opportunitajiet, il-faċilitajiet u s-servizzi biex ikomplu kemm jista’ jkun jgħixu fil-komunità.”

Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matula ħabbar li permezz tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) l-anzjani se jkunu qed jibbenefikaw minn roħs fuq diversi prodotti permezz tat-tnedija tal-iskema tal-Kartanzjan.

Permezz ta’ ktejjeb ippubblikat mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) li se jkun qed jitqassam fid-djar kollha f’Malta u Għawdex bl-offerti tal-iskema tal-KartAnzjan kollha inklużi, se tingħata spjegazzjoni dettaljata ta’ tliet servizzi importanti li joffri d-dipartiment. Dawn huma s-Servizz ta’ Infermiera u Caring Domiċiljarji, is-Servizz tat-Tim ta’ Intervent tad-Dimensja, u l-Iskema tal-Carer at Home.

Il-ktejjeb qed jipprovdi l-lista sħiħa ta’ aktar minn 20 servizz li joffri d-dipartiment u informazzjoni dwar ħidma u servizzi ġodda għall-anzjani.

Permezz tal-iskema mħabbra llum, ċittadini anzjani ta’ ‘l fuq minn 60 sena li għandhom karta tal-identità Maltija valida jistgħu jibbenefikaw minn numru ta’ skontijiet minn ħwienet u servizzi differenti madwar Malta u Għawdex.

Ġie spjegat li l-AACC ħarġet espressjoni ta’ interess għall-kumpaniji, negozji u organizzazzjonijiet kollha biex joffru inċentivi fuq prodotti u servizzi lil residenti ta’ ‘l fuq minn 60 sena.

L-AACC ħeġġet lin-negozji minn setturi varji jipparteċipaw f’din l-inizjattiva u jingħaqdu mad-49 kumpanija b’total ta’ 102 ħwienet mifruxa fuq 28 lokalità differenti li diġà ressqu l-offerti tagħhom.

Dawn l-offerti u skontijiet se jkunu elenkati wkoll onlajn fuq https://activeageing.gov.mt​

Sadanittant, l-espressjoni ta’ interess se tibqa’ miftuħa indefinittivament, u l-kumpaniji jistgħu jkomplu jissottomettu l-offerti tagħhom. Il-lista online se tkun qed tiġi aġġornata fuq bażi regolari.