PR210515: Proġett pilota bil-għan li l-anzjani jgawdu minn livell ta’ kura aħjar

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità beda proċess ta’ awditjar u monitoraġġ tal-feriti (pressure sores) li jkollhom ir-residenti li jgħixu fid-djar tal-anzjani tal-gvern. 

“Wara l-ewwel pass, li l-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani u San Vinċenz de Paul kif ukoll il-ħaddiema tlaqqmu kontra l-Covid-19, issa mexjin lejn it-tieni pass, li niftħu servizzi ġodda u nagħmlu awditjar tas-servizzi li nagħtu biex naraw kif nistgħu ntejbuhom. Dan l-ewwel proċess se jgħin biex jiġi stabbilit livell ta’ kura aħjar għall-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali tal-gvern.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali, il-Ministru spjega li permezz ta’ dan il-monitoraġġ, il-feriti se jkunu maqbudin fi stadju bikri. 

Barra minn hekk, permezz ta’ analiżi tal-kawża, se jkunu jistgħu jiġu aġġornati protokolli eżistenti, kif ukoll implimentati protokolli ġodda li jsarrfu f’kura aħjar għall-anzjani. 

Il-Ministru qal li wara perjodu ta’ madwar sitt xhur, dan il-proġett pilota se jiġi analizzat, bil-ħsieb li jkun jista’ jiġi implimentat fid-djar residenzjali kollha tal-anzjani.