PR210724: Miexi tajjeb il-proċess fil-vaccination hub f’Santa Venera

Fi żjara li għamlu d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia f’ċentru ta’ vaċċinazzjoni fil-bini tal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, SCSA, f’Santa Venera, ġie spjegat il-proċess fejn il-persuni li jkunu se jitlaqqmu jinżammu b’distanza adekwata bejniethom taħt tined installati għal dan l-għan.

F’dan il-vaccination hub, li beda jopera mis-6 ta’ April, qed ikun hemm numru ta’ ħaddiema tal-SCSA li jieħdu ħsieb ir-reġistrazzjoni tal-pubbliku, il-koordinazzjoni tal-proċess, u ħaddiema li jgħinu fil-preparazzjoni tal-vaċċin. Magħhom ikun hemm infermiera mill-Anzjanità Attiva u minn Mater Dei li jassistu kemm fil-preparazzjoni kif ukoll fl-għoti tal-vaċċin.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irringrazzja lill-SCSA tal-għajnuna tagħhom biex ikunu jistgħu jitlaqqmu aktar persuni u mill-ġdid appella biex dawk li għandhom ’il fuq minn 50 sena jirreġistraw fuq vaccin.gov.mt biex ikunu jistgħu jingħataw appuntament għall-vaċċin. Wieħed jista’ jirreġistra x-xewqa tiegħu li jitlaqqam billi jibgħat sms fuq 99180045 (Malta) u 99180044 (Għawdex).

Id-Deputat Prim Ministru qal li huwa permezz tal-vaċċinazzjoni u li nibqgħu nosservaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni li nistgħu negħlbu l-Covid-19.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li minħabba li fil-ġranet li ġejjin huwa mistenni li jiżdiedu l-appuntamenti, qed jittieħdu l-miżuri biex inkunu ppreparati. Fakkar li l-SCSA ilha minn Jannar li bdiet bil-proċess ta’ tilqim fid-djar tal-anzjani fejn tlaqqmu aktar minn 3,900 anzjan bit-tieni doża fid-djar tal-anzjani, aktar minn 3,100 ħaddiem li jaħdmu magħhom, aktar minn 500 persuna b’diżabilità u aktar minn 1,100 ħaddiem li jaħdmu magħhom.

Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-SCSA, tal-AACC u tad-Dipartiment tas-Saħħa li qed jagħtu sehemhom f’dan il-proċess, ħabbar li mill-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru tlaqqmu aktar minn 3,000 persuna fi żmien 9 ijiem. Matul il-jum tal-Ġimgħa tlaqqmu madwar 500 persuna u mill-ġimgħa d-dieħla, ir-rata ta’ tilqim f’dan il-vaccination hub se tiżdied għal madwar 700 kuljum.

Fakkar ukoll li l-SCSA assistiet fl-eżerċizzju nazzjonali tal-contact tracing u tas-swabbing fejn tqassmu aktar minn 75,000 swab fid-djar tal-anzjani minn Ġunju tas-sena li għaddiet ’l hawn.

Intant sal-bieraħ ingħataw 264,658 doża tal-vaċċin li 80,671 minnhom kienu t-tieni doża.