L-anzjanità attiva fostna...sapport għal ħajja indipendenti fil-komunità

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żar iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ San Pawl il-Baħar, ċentru ddedikat għall-komunità anzjana li qiegħda dejjem tiżdied f’pajjiżna.

“Kelli l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ waħda mill-membri taċ-ċentru, li proprju din il-ġimgħa se tagħlaq żmienha, mitt sena. Maria Galea, flimkien maż-żewġt ulied tagħha bniet, kienu preżenti fejn qasmu magħna ftit mill-esperjenzi li ħallew impatt fuq ħajjet Maria,” qal il-Ministru Farrugia.

“Maria, nanna ta’ erbat itfal u bużnanna ta’ tmienja hija eżempju ċar u pożittiv tal-anzjanità attiva llum il-ġurnata, il-viżjoni għall-futur.”

Maria hija persuna totalment indipendenti, li għadha tgħix f’darha u tagħmel l-użu ta’ wħud mis-servizzi li jipprovdi l-Gvern lill-anzjani, dak taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva u l-Għajnuna fid-Dar, sapport lill-benefiċjarji sabiex ikomplu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti fil-komunità tagħhom.

Maria kienet ħajjata prima u għadha sal-lum il-ġurnata tagħmel xi alterazzjonijiet zġħar, tattendi ċ-ċentru b’mod regolari, tmur tisma’ l-quddies, taqra u tħobb tieħu ħsieb il-pjanti.

Ix-xewqa tagħha hija li tibqa’ b’saħħitha biex tkompli tgawdi l-familja tagħha.

Il-Ministru Michael Farrugia awgura lil Maria l-isbaħ xewqat u ħafna aktar snin ta’ saħħa.

Attendew ukoll Renzo De Gabriele, Kap Eżekuttiv – Active Ageing and Community Care u Cynthia Formosa, Manager – Active Ageing and Community Care.​