Ministru

Dr Michael Farrugia

Biografija

It-Tabib Michael Farrugia ggradwa mill-iskola medika fl-1982, fejn speċjalizza fuq il-mediċina tal-familja u serva wkoll bħala l-uffiċjal tal-iskambju internazzjonali tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti Mediċi. Huwa ħadem bħala tabib tal-familja mas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa ġewwa r-Renju Unit. It-Tabib Farrugia kellu wkoll rwol attiv fil-komunita’, fejn kien it-tabib tal-klabb tal-futbol Naxxar Lions fuq bażi volontarja għal iktar minn għaxar snin.

L-ewwel involviment tiegħu fil-politika kien bħala segretarju taż-Żgħazagħ Soċjalisti fil-fergħa tal-Ħamrun. Huwa kkontesta l-Elezzjoni Ġeneral għall-ewwel darba fl-1987. Fl-1992, ġie elett fil-Parlament mill-ħdax-il distrett fejn kien il-kelliem ewlieni għall-Affarijiet tal-Konsumatur u kwistjonijiet relatati mal-Familja. Fl-1995 kien wkoll membru tad-Delegazzjoni Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa.

Bejn l-1996 u l-1998, it-Tabib Farrugia serva bħala Ministru tas-Saħħa, Kura tal-Anzjani u Affarijiet tal-Familja. Huwa ġie elett fl-elezzjonijiet sussegwenti kollha fejn serva bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq diversi Ministeri. Fl-2013 inħatar Segretarju Parlamentari fl-uffiċju tal-Prim Ministru responsabbli għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċeduri Amministrattivi. Bejn l-2014 u l-2017, it-tabib Farrugia serva bħala Ministru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali. Wara l-elezzjoni tal-2017, inħatar Ministru ghall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali. Wara l-bidla fit-tmexxija tal-Gvern Laburista f’Jannar 2020, it-Tabib Farrugia ġie maħtur Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma. Wara ir-reshuffle tal-Kabinett f’Novembru 2020, Dr Farrugia beda jservi bħala Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva.

Mill-bidu umli tiegħu fis-sezzjoni taz-żgħażagħ tal-Partit Laburista fil-Ħamrun, it-tabib Farrugia serva taħt ħames mexxejja differenti u erba’ Prim Ministri tal-Partit Laburista. Minn segretarju tas-sezzjoni taż-żgħażagħ għal wieħed mill-Ministri bl-aktar esperjenza fil-kabinett Laburista. Tliet affarijiet biss baqgħu l-istess; il-Viżjoni tiegħu lejn għada aħjar; il-Lealta’ assoluta tiegħu lejn il-Partit u l-Mexxejja tiegħu; u l-Esperjenza tiegħu, li kiseb waqt li kien qed imexxi wħud mill-aktar Ministeri mportanti.